Is-Sensiela
L-Ewwel Staġun
Ġewwa raħal jismu Attardville fuq gżira msejħa Maltalandja, kien jgħix fenek gustuż jismu Fonzu u l-aqwa ħbieb tiegħu, Miċu l-qattus, Benna l-baqra u Lola n-nannakola. Kollha kienu jmorru l-istess skola u kienu jieħdu gost jilagħbu u jagħmlu affarijiet flimkien.
Darba waħda, f’għeluq snin Fonzu, l-erba' ħbieb jirċievu messaġġ mingħand in-nannu ta’ Fonzu. Fih jagħtihom sfida: Iridu jiġbru 12-il munita speċjali li bihom jinfetaħ il-bieb ta’ kastell mill-isbaħ, li mbagħad isir tagħhom. Il-muniti huma moħbija f’postijiet differenti madwar id-dinja. Għalhekk l-erba’ ħbieb jibdew avventura tal-għaġeb biex ifittxu l-muniti. Imma mhumiex waħedhom. Il-ġurdien imqareb Ġanni jrid il-kastell għalih innifsu u qed jiġri warajhom. Liema sfidi u avventuri qed jistennew lil Fonzu u sħabu? U tgħid se jirnexxilhom jiġbru l-muniti kollha?



