top of page

Karattri

Niltaqgħu mal-Protagonisti

Is-serje 'ĦBIEB TASSEW' tinkludi kast ta’ karattri, immexxija mill-fenek gustuż Fonzu u l-aqwa ħbieb tiegħu: Miċu l-Qattus, Benna l-Baqra u Lola n-Nannakola. Hemm ukoll Ġanni, il-ġurdien imqareb, li dejjem jispiċċa jagħmel xi praspura. Ejjew ħa niskopru aktar dwarhom...

Fonzu 
l-Fenek

Fonzu huwa fenek li jgħix f'Attardville u jattendi l-iskola primarja lokali. L-aktar li jħobb jagħmel hu li jilgħab il-futbol, li j​mur dawra bir-rota, li jaqra, li jieħu r-ritratti, u li jsajjar. Iħobb ukoll iżur is-swieq tal-bdiewa u jġemma bolol. Fonzu iħobb jiekol ikel tradizzjonali, inkluż il-ħobż biż-żejt. Huwa organizzatur tajjeb u sħabu jħarsu lejh bħala l-mexxej tagħhom. L-aqwa ħabib ta' Fonzu huwa Miċu l-Qattus. Normalment jilbes qalziet roża, sidrija ħadra, u ċoff roża.


Fonzu jiċċelebra għeluq sninu fis-26 ta' Marzu.

Fonzu2.jpg

Miċu 
l-Qattus

Miċu huwa qattus li jgħix f’Attardville. Iħobb ix-xjenza, il-matematika u l-kompjuters. Fil-ħin liberu tiegħu, jieħu gost isuq ir-rota u jilgħab fuq it-tablet lewn il-fidda tiegħu. Miċu jħobb il-gaġits u dejjem ikollu xi wieħed jew tnejn fil-but. Jħobb iżarma l-affarijiet biex jara kif jaħdmu. Jixtieq li meta jikber, isir xjenzat famuż. L-ikel favorit tiegħu huwa l-ħut u s-sopop u jħobb ħafna jixrob il-ħalib u l-ilma. L-aqwa ħabib tiegħu huwa Fonzu. Miċu jilbes flokk aħmar b’ittra M safra ​​fuq quddiem, u qalziet blu.

 

Miċu jiċċelebra għeluq sninu fl-24 ta’ Ottubru.

Micu2.jpg

Benna 
l-Baqra

Benna hija baqra li tgħix f'Attardville. Tħobb taqra l-kotba u toħlom li xi darba ssir librara. Hija persuna ġentili, protettiva, u spiss tikkwota xi fatt interessanti mill-kollezzjoni ta' għarfien ġenerali li ġabret permezz tal-qari. Tieħu gost tiskija, tipprattika l-kung fu, issajjar, u tkanta fid-doċċa. L-ikel favorit tagħha huma insalata, l-għaġin, u t-torti tat-tuffieħ, u tħobb tixrob l-ilma. Benna għandha qraba fl-Iżvizzera, u l-aqwa ħabiba tagħha hija Lola. Tilbes libsa blu bil-buttuni sofor fuq quddiem u maktur bl-istrixxi blu u bojod m'għonqha.

 

Benna tiċċelebra għeluq sninha fil-31 ta' Lulju.

Benna2.jpg

Lola 
n-Nannakola

Lola hija nannakola u tgħix f'Attardville. Il-passjoni tagħha hija l-ġografija u l-ivvjaġġar. Tħobb taqra dwar postijiet imbiegħda u tiskopri destinazzjonijiet ġodda. Toħlom li xi darba tmur dawra mad-dinja, u forsi lil hinn minnha... fl-ispazju. Hija artista, u tħobb tpinġi u tiddisinja. Dilettanta ukoll tal-ballet u l-iskejzjar fuq is-silġ, u tħobb ħafna l-fjuri. L-ikel favorit ta' Lola huwa l-ħaxix u l-frott, u tħobb tixrob l-ilma. Ħafna mill-qraba tagħha jinsabu fl-Awstralja u l-aqwa ħabiba tagħha hija Benna l-Baqra. Tilbes libsa ħamra bit-tikek suwed.


Lola tiċċelebra għeluq sninha fl-14 ta' Awwissu.

Lola2.jpg

Ġanni 
l-Ġurdien

Ġanni huwa ġurdien imqareb u huwa r-rivali ewlieni ta’ Fonzu. Għandu denb twil u żewġ sinniet ta’ quddiem kbar b'xaqq wiesa’ bejniethom (li jġiegħluh isaffar meta jitkellem). Ġanni jħobb irkejjen umdi u mudlama, u meta ma jkunx qed jiġri fil-katusi tad-drenaġġ, jippreferi jorqod fuq xi saqqu qadim. Huwa jiġbor kull tip ta’ imbarazz u skart, speċjalment il-plastik u oġġetti li jleqqu! Huwa goff, jinħasad mix-xejn u jiddejjaq mill-ħsejjes qawwija. L-ikel favorit tiegħu huma zalzett tal-hot-dogs, hamburgers enormi u boroż kbar taċ-ċips, u jħobb jixrob il-kola. Ġanni jilbes kowt kannella twil, fuq flokk tas-suf griż u qalziet griż, b’kappell griż. Spiss juża nuċċali tax-xemx skur anke billejl, biex ma jintgħarafx.


Ħadd ma jaf meta Ġanni jiċċelebra għeluq sninu.

Ganni2.jpg
  • Instagram
  • Facebook
  • YouTube
  • TikTok
  • Email

© 2026 - Attardville Productions

bottom of page